05 Nov 2021
Enumeraturi taċ- Ċensiment
Mit-Tnejn 8 ta’ Novembru, madwar 1,000 enumeratur se jibdew jagħmlu kuntatt ma’ dawk il-membri tal-abitazzjoni li għadhom ma lestewx il-kwestjonarju online. Jekk il-membri tal-abitazzjoni m’għandhomx il-ħsieb li jimlew il-kwestjonarju online jew ma jistgħux jagħmlu dan għal xi raġuni jew oħra, l-enumeratur se joffri li jassistihom u jiffissa appuntament biex jimlew il-kwestjonarju taċ-Ċensiment bit-telefon, wiċċ imb wiċċ jew fuq il-karta.
Għas-sigurtà tiegħek, l-enumeraturi tagħna kollha reklutati uffiċjalment se jippreżentaw it-tikketta tal-NSO bl-isem, kunjom u ritratt meta jiġbru l-informazzjoni fl-inħawi tiegħek. F’każ ta’ dubju, tista’ ċċempel 1710 biex tikkonferma l-identità tal-enumeratur assenjat lilek.
L-enumeraturi kollha jieħdu l-ġurament tas-segretezza kif stipulat fl-Att dwar iċ-Ċensiment qabel ma jkunu involuti fi kwalunkwe ġbir ta’ data. Dan biex jiġi żgurat li l-informazzjoni personali tiegħek tinżamm kunfidenzjali u sigura. Kwalunkwe apparat portabbli bħal tablet użat matul il-proċess tal-ġbir tad-data se jiġi kkonfigurat permezz ta’ kriptaġġ sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni massima tad-data. Il-persunal uffiċjali tal-NSO biss se jaċċessa l-informazzjoni maħżuna fuq dawn l-apparati.
Kull meta l-assistenza tal-enumeratur tkun meħtieġa fiżikament fl-abitazzjoni, l-enumeraturi se josservaw il-miżuri kollha ta’ sigurtà skont id-direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, inkluż li jkollhom it-tagħmir protettiv meħtieġ.
Iċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar se jibqa’ għaddej sat-28 ta’ Novembru. Għal darb’oħra, infakkru lil kulħadd li l-parteċipazzjoni hija obbligatorja bil-liġi. L-NSO jixtieq jirringrazzja lil kulħadd tal-kooperazzjoni murija s’issa u ser ikompli jħeġġeġ lil dawk id-djar li jistgħu jimlew il-kwestjonarju online biex jagħmlu dan, peress li jieħu biss ftit minuti biex jimtela.
Lura għall-Aħbarijiet