Avvenimenti

Proġett Pilota

21 Jun 2021

8:00 am

Malta

Bi tħejjija għaċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar tal-2021, l-NSO se jkun qed iwettaq stħarriġ Pilota taċ-Ċensiment matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2021. L-istħarriġ se jinvolvi madwar 220 residenza magħżula minn sitt lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. L-Istħarriġ Pilota taċ-Ċensiment huwa ċensiment fuq skala żgħira li se jittestja l-kwestjonarju l-ġdid u t-teknoloġija l-ġdida tal-enumeratur għaċ-Ċensiment sħiħ li se jsir f’Novembru 2021. Ir-rispons miksub miċ-Ċensiment Pilota ser jinforma direttament id-deċiżjonijiet dwar kif iċ-Ċensiment 2021 se jopera.

Jekk tintgħażel, il-parteċipazzjoni fil-Pilota taċ-Ċensiment tista’ ssir permezz tal-kwestjonarju online jew inkella permezz ta’ intervista mill- enumeratur bi kwestjonarju fuq il-karta jew fuq it-tablet. Għall-ewwel darba, il-Pilota taċ-Ċensiment se jkun disponibbli wkoll f’erba’ lingwi: Malti, Ingliż, Taljan u Franċiż. Minbarra l-kwestjonarju, l-enumeraturi se jkunu wkoll qed jiġbru reazzjonijiet mill-parteċipanti dwar l-esperjenza tagħhom fil-parteċipazzjoni taċ-Ċensiment Pilota. Għal skopijiet ta’ sigurtà, l-enumeraturi uffiċjali tal-NSO se jkollhom Karta tal-Identifikazzjoni tal-Uffiċċju.

Infakkru li bil-liġi, kull informazzjoni miġbura hija kunfidenzjali. L-NSO jiġbor dejta għal skopijiet statistiċi biss u ma jistax jippubblika informazzjoni identifikabbli jew jaqsamha ma’ partijiet terzi. L-NSO se japplika l-proċessi kollha meħtieġa ta’ kunfidenzjalità u anonimizzazzjoni. L-NSO huwa wkoll konformi mal-GDPR.

IKKUNTATJANA GĦAL AKTAR INFORMAZZJONI
Skip to content